Għal min hija indirizzata s-Sejħa?
Is-Sejħa hija indirizzata lil firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati li jinkludu: fornituri ta’ servizzi online li jipparteċipaw fit-tixrid tal-kontenut lill-pubbliku bħall-media soċjali, applikazzjonijiet ta’ messaġġi privati u magni tat-tiftix; atturi mill-industrija tar-reklamar online; fornituri ta’ servizzi ta’ pagament elettroniku, pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, sistemi ta’ finanzjament kollettiv/donazzjoni, li jistgħu jintużaw biex tinxtered id-diżinformazzjoni; partijiet ikkonċernati li jipprovdu soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tiġi miġġielda d-diżinformazzjoni; verifikaturi tal-fatti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jispeċjalizzaw fil-ġlieda kontra d-diżinformazzjoni.
Billi jingħaqdu mal-Kodiċi tal-2022, il-firmatarji l-ġodda se jkunu parti minn forum madwar l-UE li jlaqqa’ flimkien varjetà ta’ atturi rilevanti li jfittxu li jsaħħu l-azzjonijiet tagħhom, jaqsmu l-aħjar prattiki u jtejbu l-kooperazzjoni biex itaffu r-riskji li jirriżultaw mid-diżinformazzjoni fl-UE.